Please note that the original language version of this page Swedish has been amended recently. The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.
Swipe to change

Qrati speċjalizzati nazzjonali

Sweden

Din it-taqsima tagħtik informazzjoni dwar l-organizzazzjoni tal-qrati speċjalizzati fl-Iżvezja.

Content provided by:
Sweden

Qrati speċjalizzati

Għadd ta’ qrati u tribunali speċjalizzati ġew stabbiliti biex jisimgħu tipi speċifiċi ta’ kawżi u kwistjonijiet:

  • Il-Qorti Industrijali (Arbetsdomstolen) tittratta t-tilwim industrijali. Tilwima industrijali hija kwalunkwe tilwima li tikkonċerna r-relazzjoni bejn min iħaddem u l-impjegati tiegħu. Il-Qorti Industrijali normalment tkun l-ewwel u l-unika istanza kompetenti f’tilwimiet industrijali. Madankollu, xi tipi ta’ tilwimiet industrijali l-ewwel jinstemgħu f’qorti distrettwali, u wara jkun jista’ jiġi ppreżentat appell quddiem il-Qorti Industrijali, li mbagħad issir il-qorti tat-tieni u l-aħħar istanza.
  • Il-Qorti tas-Suq (Marknadsdomstolen) tittratta, fost affarijiet oħra, tilwim skont l-Att dwar il-Kompetizzjoni u l-Att dwar il-Prattiki ta’ Kummerċjalizzazzjoni.
  • Il-Qorti tal-Appelli dwar il-Privattivi (Patentbesvärsrätten) tittratta l-appelli kontra d-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju Żvediż tal-Privattivi u r-Reġistrazzjoni (Patent- och registreringsverket), li jikkonċernaw il-privattivi, it-trademarks u d-disinji u affarijiet oħrajn. L-appelli kontra d-deċiżjonijiet tal-qorti jistgħu jiġu ppreżentati lill-Qorti Amministrattiva Suprema (Högsta förvaltningsdomstolen).

Il-Qrati tal-Artijiet u tal-Ambjent (Mark- och miljödomstolar) jisimgħu kawżi relatati ma' permessi għal operazzjonijiet idriċi u operazzjonijiet perikolużi għall-ambjent, kwistjonijiet relatati mal-ħarsien tas-saħħa, il-konservazzjoni tan-natura, il-ġbir tal-iskart, iż-żoni mniġġsa u l-iskart perikoluż, id-danni relatati mal-ambjent u kwistjonijiet ta’ kumpens, il-kwistjonijiet marbuta mal-permessi tal-bini, tat-twaqqigħ u tal-artijiet skont l-Att dwar l-Ippjanar u l-Bini, iċ-ċnus fuq l-artijiet, l-appelli fi kwistjonijiet ta’ pjanifikazzjoni, it-tqassim tal-artijiet, is-servitujiet tal-utilitajiet u l-esproprjazzjoni. Hemm ħames Qrati tal-Artijiet u tal-Ambjent, li huma qrati speċjalizzati u li huma parti mill-Qrati Distrettwali ta’ Nacka, Vänersborg, Växjö, Umeå u Östersund. L-appelli minn sentenzi u deċiżjonijiet tal-Qrati tal-Artijiet u tal-Ambjent jistgħu jiġu ppreżentati fil-Qorti tal-Appell tal-Artijiet u tal-Ambjent (Mark- och miljööverdomstolen), li tagħmel parti mill-Qorti tal-Appell ta’ Svea. L-appelli f’kawżi li jkunu nbdew fil-Qorti tal-Artijiet u tal-Ambjent u li jkunu ġew appellati u mismugħa fil-Qorti tal-Appell tal-Artijiet u tal-Ambjent, jistgħu jiġu ppreżentati fil-Qorti Suprema (Högsta domstolen).

Il-Qrati Marittimi (Sjörättsdomstolar) jittrattaw kawżi skont il-Kodiċi Marittimu Żvediż (1994:1009). Hemm seba' qrati marittimi li huma parti mill-Qrati Distrettwali ta' Luleå, Sundsvall, Stockholm, Kalmar, Malmö, Gothenburg u Värmland.

Il-Qrati tal-Migrazzjoni (Migrationsdomstolar) jeżaminaw id-deċiżjonijiet tal-Aġenzija Żvediża dwar il-Migrazzjoni (Migrationsverket) dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-barranin u ċ-ċittadinanza. Il-Qrati tal-Migrazzjoni huma qrati speċjalizzati li huma parti mill-Qrati Amministrattivi f'Malmö, Gothenburg, Stokkolma u Luleå. L-appelli minn sentenzi u deċiżjonijiet tal-Qrati tal-Migrazzjoni jistgħu jiġu ppreżentati fil-Qorti tal-Appell tal-Migrazzjoni(Migrationsöverdomstolen), li tagħmel parti mill-Qorti Amministrattiva ta’ Stokkolma.

Ċerti tipi ta’ tilwim li jkunu jinvolvu l-kirjiet, sjieda mill-inkwilini u ċnus jinstemgħu mit-tribunali reġjonali tal-kera u taċ-ċens (hyres- och arrendenämnder). Dawn huma korpi semiġudizzjarji b’setgħat simili għal dawk tal-qrati.

Qrati speċjali oħrajn

Ma hemm l-ebda qorti kostituzzjonali jew korp simili fl-Iżvezja.

L-aħħar aġġornament: 09/11/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

OSZAR »